Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Rajt miktuba l-kelma "roddhuli". La niktbu "roddu", mhux "rodduli" suppost nikteb?

Dawn iż-żewġ kelmiet jeżisti fil-Malti u għandhom tifsira differenti:

1. roddhuli tfisser “inti rodd (ċertu oġġett) lili”
2. rodduli tfisser “intom roddu lili”

Dan huwa punt ta’ reqqa tal-kitba Maltija li ħafna ma jafuhx jew jitħawdu fih, tant li, jekk wieħed ikun irid jara tafx tikteb tajjeb bil-Malti, ġieli joħroġlok bih biex jara kemm inti mħarreġ.

Nista’ nuża verb sempliċi biex ngħidlek: Sib!

Tgħidli “Xiex, xi nsib?”, u jien inżidlek l-oġġett dirett biex ngħidlek x’għandek issib: Sib in-nuċċali.

Int tistaqsi “Lil min?”, u jien inżid ukoll l-oġġett indirett biex ngħidlek lil min se ssibu n-nuċċali: Sib in-nuċċali lil Marija.

Issa għall-ħeffa ż-żewġ oġġetti nista’ nqassarhom billi flok in-nomi sħaħ (in-nuċċali, Marija) nuża l-pronomi li jmorru minflokhom:
Sib in-nuċċali.                  > Sibu.
Sib in-nuċċali lil Marija.
 > Sibhulha.

 

Minn hawn tara li l-pronom mehmuż maskili (l-oġġett dirett) qed jinkiteb differenti skont il-każ:

  • sakemm ikun waħdu wara l-verb, jibqa’ -u
  • IMMA meta warajh ikollu wkoll pronom mehmuż ieħor (tal-oġġett indirett) isir -hu-

 

Mela, fil-qosor:

VERB + OĠĠETT DIRETT: -u
VERB + OĠĠETT DIRETT: -hu- + OĠĠETT INDIRETT

 

Eżempji oħra:
hu ħallat ix-xorb - ħalltu
hu ħallat ix-xorb lill-klijent - ħallathulu

hi bagħtet l-ikel - bagħtitu
hi bagħtet l-ikel lil oħtha - bagħtithulha

inti rodd il-ħajr - roddu
inti rodd il-ħajr lili - roddhuli

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra