Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: X’inhuma l-plurali ta’ 'qadd' u 'għarqub'?

Il-partijiet tal-ġisem fil-Malti aktarx jintużaw fis-singular, anke meta nitkellmu fuq ħafna persuni.

Ir-raġuni hi li s-sintassi Maltija timxi bil-prinċipju ta’ "kulħadd għandu tiegħu" (fit-Taljan, "ciascuno il suo").

WIĊĊ/WĊUĦ - Ngħidu: Ħasel wiċċu. U xorta ngħidu: Ħaslu wiċċhom (mhux: Ħaslu wċuħhom) għalkemm inkunu qed nitkellmu fuq ħafna. Għax kulħadd ħasel il-wieħed tiegħu.

Għalhekk ħafna plurali tal-partijiet tal-ġisem li nsibu fid-dizzjunarji nħossuhom imqanżħin.

Ngħidu aħna, jien qatt ma ħsibt fil-plural ta’ QADD, għax dejjem smajt: idejha fuq qaddha, nies fuq qaddhom, eċċ. Ma kellix għalfejn ngħid: nies fuq qdudhom/qadidhom/qaddijiethom, għaliex naf li kieku jidħqu bija.

U l-istess l-GĦARQUB - Ngħidu: Ħasel għarqubu (jekk 1) jew għarqbejh (jekk it-2), imma qatt ma ngħidu: Ħaslu għeriqibhom (l-għerieqeb tagħhom!). Ngħidu: ħaslu għarqubhom/għarqbejhom, qishom kienu persuna waħda, għax kulħadd ħasel tiegħu.

Mela għaliex insibu dawn il-plurali kollha bla użu?

Propjament, mhumiex bla użu. Ħafna minn dan il-kliem, kif nafu, għandu iktar minn tifsira waħda għax, mill-parti tal-ġisem jispiċċa jindika xi ħaġa li tixbahha, tifsira metaforika. Ilsien tal-art, xoffa jew widna ta’ kikkra, għarqub ta’ bieb, dahar ta’ siġġu, sieq il-mejda, u tant oħrajn.

U hawn jidħol l-użu tal-plural. Għax għalkemm jien ngħid: Ilsienu twil u lsienhom twil, meta niġi f’dawn l-użi metaforiċi nkun neħtieġ il-plural: dehru ħafna ilsna tan-nar, kosta li għandha bosta ilsna tal-art. Bl-istess mod, jien ngħid: ħakkejt dahri u ħakkew daharhom, imma mastrudaxxa jgħid ukoll "ħdimt dawn id-dahrien għas-siġġijiet".

U allura l-plurali ma jibqgħux ħolqien bla bżonn, imma jistgħu jkunu ta’ siwi kbir biex inqiegħdu dawn l-użi metaforiċi fil-plural.

Prof. Manwel Mifsud
<Ara l-mistoqsijiet l-oħra