Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Il-qawmien ta' Ġesù 'hija' jew 'huwa' l-aħbar l-iktar kbira?

Il-verb (jew hawnhekk il-psewdoverb) jaqbel dejjem mas-suġġett tas-sentenza.

Issa, fis-sentenza “Il-qawmien ta' Ġesù hija l-aħbar l-iktar kbira.” is-suġġett huwa l-qawmien, nom maskili.

Mela rridu ngħidu: Il-qawmien ta' Ġesù huwa l-aħbar l-iktar kbira...

IMMA, is-superlattiv ta’ kliem Semitiku - li għandu forma apposta fil-Malti - m’għandux isir bis-sistema maqsuma (li jkollhom jieħdu l-aġġettivi Rumanzi).

Mela, l-aħjar ikun li tgħid: l-ikbar aħbar (u mhux: l-aħbar l-iktar kbira, jew l-iktar aħbar kbira). Huwa superlattiv iqsar u iktar idjomatiku.

Għalhekk:

Il-qawmien ta' Ġesù huwa l-ikbar aħbar jew L-ikbar aħbar hija l-qawmien ta' Ġesù

 

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra