Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: 'Bl-ingrossa' u 'bl-imnut' minn fejn ġejjin?

Il-kelma [bl-]imnut hi ta’ nisel Rumanz u ġejja mit-Taljan [vendere al] minuto. Naturalment, mhux minuto fis-sens ta’ ħin imma ta’ kwantità żgħira ħafna, bħal minute fl-Ingliż.

Tfisser: tbigħ fi kwantitajiet żgħar, bin-naqriet, bħalma jagħmlu l-bejjiegħa ż-żgħar fil-komunità tax-xerrejja.

Imma dal-bejjiegħ iż-żgħir ikun xtara l-biegħa mingħand il-bejjiegħ il-kbir (il-grossista) li jbigħ biss bl-ingrossa (u ġieli jkun l-importatur tal-biegħa).

Kos, dnub li għandna oqsma moqdija tant tajjeb bil-kelma Maltija li – sempliċiment sforz in-nuqqas ta’ għarfien tagħna – qed naħsbu li m’għandniex u mmorru niddubbawhom ħażin ħażin mingħand ħaddieħor. Dan filwaqt li f’oqsma oħra barra l-lingwa qed inkunu bravi u nisħqu fuq li nippreservaw il-wirt u niżviluppaw il-potenzjal lokali, bħall-inbid u ż-żejt taż-żebbuġa Maltija.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra