Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Qed nisma' reklam bil-kelma 'ġibniet'. Mhux 'ġbejniet' suppost ngħidu?

Tajjeb niftakru li dawk li l-Maltin isejħulhom 'ġbejniet', Għawdex isibuhom bil-kollettiv 'ġobon'. Jgħidulek: "Niekol biċċa ħobż bil-ġobon", jiġifieri bil-ġbejniet. Għalhekk, mill-kollettiv 'ġobon' joħorġu l-unità 'ġobna' (bl-aċċent djalettali 'ġibna'), li għall-Maltin hija l-'ġbejna'. Il-plural huwa 'ġobniet' (bl-aċċent djalettali 'ġibniet'), li allura jiġu l-'ġbejniet' tal-Maltin.

Mela r-reklam li fih tingħad il-kelma 'ġibniet' qed jivvalorizza l-awtentiċità tal-ġbejna Għawdxija billi jinqeda bil-lingwa tal-lokal.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra