Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: F'kuntest reliġjuż, il-pronomi mehmużin u possessivi rrid nagħmilhom b'ittri kbar?

Forom ta' kitba bħal 'idejH' u 'tiegħU' huma bħall-ħafna drawwiet li kellhom niesna dari biex juru l-vistu meta xi qarib jiġi nieqes. Kienu jaqilgħu l-ħbabat, ma jsajrux imma jieklu dak li jtuhom il-ħbieb, jagħmlu strixxa sewda mal-bieb u ma' dirgħajhom (l-irġiel), u tant ħwejjeġ oħra. Illum dawn ma jsirux, lanqas biss noħolmu li nagħmluhom, imma dan ma jfissirx li r-rispett lejn il-qraba naqas. Infissru ruħna mod ieħor, b'mod li jaqbel iktar mal-ħajja li ngħixu llum.

L-istess dawn il-forom tal-kitba, mhumiex il-qofol tar-rispett lejn il-ħwejjeġ reliġjużi għeżież. U llum ma nħobbux nagħmluhom, anke għax l-ittri kapitali stess - ejja ngħiduha - bil-mod il-mod forsi għad jiġu mhedda mill-kitba "lajka" u "prożajka" tal-internet.

Fl-istess ħin, inħoss li għandu jkollna rispett sħiħ lejn min għadu marbut magħhom. Għax il-bidla m'għandhiex tkun imposta fuq min ma jħosshiex. Inkunu qed inġegħluh iġib ruħu kontra dak li jħoss - ħaġa li aħna niftaħru li llum ma nħobbux u ma rridux nagħmluha. Għalhekk, min ikun jikkoreġi test reliġjuż bħal dan, naħseb li d-deċiżjoni għandu jiddiskutiha ma' "sid it-test", ifakkru li din hi tip ta' kitba li għoddha nqatgħet u li ma tingħoġobx mill-biċċa kbira kbira tal-qarrejja, imma mbagħad iħalli d-deċiżjoni f'idejh.

Fil-fehma tiegħi, qarrej tal-provi responsabbli għandu jinsisti li jikkoreġi l-iżbalji tal-kitba biss: f'dawn ma jistax iċedi jew jidħol f'kompromessi. Imma fejn jidħlu (a) inkonsistenzi f'xi varjanti u (b) forom bi stil differenti (bħalma qed insemmu), hemmhekk għandu jħalli l-aħħar għażla għal min għaddielu t-test.

Dawn ma jkunux kompromessi ta' ħsara jew dgħjufija, imma ta' moħħ miftuħ u liberali.


Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra