Id-dokument Deċiżjonijiet 1 tal-Kunsill tal-Malti stabbilixxa differenza bejn:
(1) frażijiet/idjomi li fihom is-sens ta' "Alla" (God) għadu ċar meta jingħadu (u f'dawn jinkiteb separat)
[eż. Alla jbierek/jbierku/jberikha; 'k Alla jrid; eċċ.]. Kif jidher mill-eżempji, dawn huma frażijiet li għadhom jinbidlu skont il-każ (eż. jbierku/jberikha/jberikhom);
(2) oħrajn li fihom dan l-isem donnu ċċajpar fil-frażi u sar biċċa minn kelma waħda sħiħa (u allura l-isem inħall u tinkiteb il-kelma sħiħa bl-ittri -alla- fiha, bl-ewwel ittra fosthom -a- żgħira
[eż. jalla, allaħares, mnalla]. Dan il-kliem illum huwa ffossilizzat, jiġifieri ma jinbidel f'xejn qatt.
Waqt li f'tal-ewwel l-idea ta' Alla bħala l-ħallieq u l-missier tal-ħolqien għadha ċara u qed tagħti qawwa lil dawn ix-xewqat, f'tat-tieni għoddha ntilfet għalkollox. Xhieda ta' dan huwa l-fatt li ġieli saħansitra tisma' lil min juża dawn tal-aħħar magħqudin ma' xi xewqa ta' deni jew ħsara, li ma tantx tista' tintrabat mar-rieda divina! (eż. Jalla taqla' ċitazzjoni oħra!).
Kellna wkoll ismijiet oħra li ġarrbu dan. Ngħidu aħna, in-nomi omm u iben huma moħbija, anzi maħlula, fil-kelmiet qodma: jommi (minn ja ommi!) u jabbni (minn ja ibni!), li llum qajla tismagħhom.
Għax l-aqwa ħaġa fil-kliem mhux tant il-ħoss li jagħmlu, imma l-ħsieb li jwasslu.
Prof. Manwel Mifsud
|