Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Apparti "xjuħija" sirt nisma' wkoll "anzjanità". Dawn l-istess?

It-terminu "xjuħija" llum il-ġurnata nistgħu ngħidu li ntrabat mal-idea ta' meta l-bniedem ikun kiber sew fiż-żmien u ma jibqax wisq attiv. Mill-banda l-oħra, "anzjan" saret kelma uffiċjali, marbuta mal-età pensjonabbli kif iħares lejha l-istat. Tirreferi għal dak li jkun daħal fl-età tal-pensjoni u jħoss li għad għandu kontribut x'joffri lis-soċjetà għax ikun għadu ma jqisx ruħu "xiħ".

Is-Sena Ewropea 2012 tal-Kummissjoni Ewropea ġiet iddedikata għal Anzjanità Attiva u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet proprju għax hi maħsuba biex tqajjem kuxjenza fuq is-saħħa u l-kontribut li tkun għad tista' tagħti lis-soċjetà persuna wara li tkun irtirat bil-pensjoni, billi tibqa' b'saħħitha, attiva fis-soċjetà, sodisfatta b'xogħolha, indipendenti fil-ħajja ta' kuljum u iktar involuta bħala ċittadina. Għax l-età hi irrilevanti sakemm inkunu għadna f'saħħitna u nistgħu nagħtu sehemna fis-soċjetà.

It-titlu għal din is-Sena Ewropea ntgħażel b'konsultazzjoni mal-Kunsill tal-Malti. Nirringrazzjaw lill-Kumitat tat-Tmexxija tar-Residenza San Vinċenz de Paul għal dan.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra