Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Għaliex niktbu t-tikka fuq iċ-ċ? Din mhix kumplikazzjoni żejda?

Sakemm saru r-regoli uffiċjali tal-kitba tal-Malti fl-1924, bosta Maltin kienu jiktbu l-Malti la Taljana. Jiġifieri bl-ittra Taljana c kienu jwasslu l-ħoss tal-k (quddiem a, o, u jew h), taċ-ċ (quddiem i jew e), tax-x (wara s), u ġieli anke l-ħoss tal-q. Għadek issib fl-idejn kotba antiki li fihom kliem bħal joctru (flok joktru), chellu (kellu), ciatt (ċatt), jacsam (jaqsam) u iscomm (ixomm).

Billi l-kitba l-ġdida kellha tkun eħfef u fonetika, jiġifieri tikteb kif tisma’, kull ħoss kellu jkollu ittra waħda. Għalhekk illum fil-Malti kull waħda mill-ittri k, ċ u q għandha dejjem il-ħoss tagħha, differenti mill-oħrajn. Biex il-qarrejja ta’ dak iż-żmien - tant midħla tat-Taljan - ma jitfixklux, fuq l-ittra c poġġew tikka li tagħżilha miċ-ċejiet kollha magħrufa qabel u tagħtiha l-ħoss partikolari tagħha: ċe, u ċe biss. Din ir-regola ħafifa għadha l-istess, u fil-Malti għandna ċ waħda biss, dejjem bit-tikka anke meta tkun ittra kbira (Ċ), u dejjem bil-ħoss ta’ ċe.

Għalkemm illum m’għadniex midħla tat-Taljan daqs il-Maltin letterati ta’ dari u l-kitba ma tantx tista’ tfixkilna, ma rridux ninsew li anke fil-lingwa Ingliża l-ittra c għandha bosta ħsejjes, kif jidher minn dan il-kliem: car; technical; locker (ħoss ta’ k), cigarette (s), special (x), church (ċ). Billi l-Ingliż u kitbitu llum għandhom influwenza qawwija fuq il-biċċa l-kbira tal-Maltin u l-aktar fuq iż-żgħar, ikun għaqli li ċ-ċ tal-Malti tibqa’ bit-tikka biex tibqa’ tingħaraf u tintrabat biss ma’ ħoss wieħed. B’hekk nevitaw iċ-ċans li min jaqra jew jikteb bil-Malti jitfixkel kif se jlissinha.

Biex ma nsemmux ukoll il-fatt li l-forom estetiċi tal-ittri, maż-żmien jakkwistaw ċertu valur simboliku, "nazzjonali", biex insejħulu hekk. Fil-fatt iċ-"ċ bit-tikka" saret distintiva, u saħansitra proverbjali!

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra