Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Smajt il-plural "tiġien". Aħna dejjem "tiġijiet" għedna. Liema hi t-tajba?

Hawn min jistenna li kull nom ikollu plural wieħed biss. Fil-fatt, bosta kliem hekk għandu: qattus > qtates, kompjuter > kompjuters, karta > karti, gwerra > gwerer.

Madankollu, fil-Malti - bħal f’lingwi oħra - insibu wkoll xi nomi li jieħdu aktar minn plural wieħed. Ngħidu aħna, iġmla u ġmula, bolol u bolli, bnadar u bandieri, tazez u tazzi, tiġien u tiġijiet, kokien u kokijiet. Dawn in-nomi tnisslu fuq fomm il-poplu, huma mfasslin fuq mudelli tajbin u narawhom miktubin ilkoll. Għaldaqstant m'għandniex niddejqu naċċettawhom bħala kelmiet tajbin u membri xierqa tad-dizzjunarju tal-Malti Standard. Għax hekk huma.

F’xi djaletti nsibu plurali oħrajn, inqas magħrufa, u għax huma djalettali huma inqas mifruxin u qajla ssibhom miktubin. Hekk huma: prieter (pl. ta’ purtiera) f'Għawdex u torot (pl. ta’ torta) fil-Mellieħa. Huma forom tajbin li żviluppaw u jgħixu f'komunità ta' ftit kelliema.

Kull wieħed u waħda minna jiġbor il-vokabularju tiegħu mill-esperjenzi ta' matul ħajtu. Jista' jkun li, iktar ma jikber il-kuntatt bejn il-Maltin, xi kliem inqas mifrux jew djalettali tibda tonqoslu saħħtu u biż-żmien jintilef. Imma mhux bilfors jiġri hekk, għax għandna wkoll kliem li darba kien djalettali u llum huwa parti mill-Malti Standard.

L-importanti hu li naċċettaw bil-ferħa l-lingwa ta' xulxin kif inhi, imqar jekk ma taqbilx eżatt ma’ tagħna. Għax il-Malti, bħal ilsna oħra, huwa fattur tas-soċjetà u bħalha huwa msaħħaħ u msebbaħ mill-forom diversi tiegħu.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra