Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Bil-Malti x'ngħidu: "tinfaraġ" jew "tinfaġar"?

Proprjament, tinfaraġ u tifriġ fihom taħwida fil-konsonanti tal-għerq... imma li issa ndrat ħafna, hi mifruxa u aċċettata.

Il-Malti, storikament, għandu 2 għeruq differenti:
(1) F - li tagħti l-idea ta' "konsolazzjoni/konfort" (faraġ, farraġ, tfarraġ);
(2) FĠR - li tfisser "toħroġ id-demm mill-imnieħer" (faġar, nfaġar, fġir).

Issa dal-verb tal-aħħar ilu ftit jiġi mħawwad mal-ieħor:
flok infaġar ngħidu nfaraġ
flok faġruh ngħidu farġuh
flok jofġruh ngħidu joforġuh... eċċ.

Matul l-istorja tiegħu l-Malti għamel ħafna bidliet bħal dawn, f'għeruq u f'verbi oħra. Pereżempju: 

Għarbi [ĠDB]   > Malti [ĠBD] ġibed, ġebbed
Għarbi [NSF]    > Malti [NFS] nofs (u hawn ħbatna mal-għerq ta' nifs, tniffes)
Għarbi [TGħM] > Malti [TMGħ] tema', mitmugħ (għalkemm xorta baqgħalna kliem bħal tagħam, li tfisser ikel)
Malti [SFQ] sfiq, seffaq wiċċu > Malti [SQF] saqqaf wiċċu (u hawn agħar, għax ħbatna mas-saqaf!)
U allura: Malti [FĠR] faġar, nfaġar > Malti [FRĠ] nfaraġ (li l-għerq tagħha kien ifisser konfort).
 
Kif tara, dawn ħwejjeġ li jiġru, imqar f'temp ta' ftit ġenerazzjonijiet, anke jekk ma jilħqux lil kulħadd fl-istess żmien. Dan il-qlib tal-konsonanti (li fil-lingwa jissejjaħ metateżi tal-għerq: FĠR > FRĠ) tant daħal 'il ġewwa, li llum naċċettaw il-fatt kif inhu, għax il-bidliet fil-lingwa jiġru, u kif! Mhux fil-Malti biss, fil-lingwi kollha.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra