Jekk inħarsu lejn iż-Żieda (1984), Taqsima Ċ, Regola 4(b), insibu li: "Meta sillaba f'kelma tispiċċa b'vokali 'i' jew 'u' u s-sillaba ta' warajha fl-istess kelma tibda wkoll b'vokali, tidħol il-konsonanti qaddejja 'j' jew 'w' bejniethom, u din il-konsonanti dgħajfa titqies mas-sillaba ta' wara."
Mela, skont din ir-regola għandna niktbu: klijenti u bijoloġiku.
Biex inkunu prattiċi, din ir-regola ta' meta tikteb żewġ vokali ħdejn xulxin fil-Malti nistgħu nqassruha hekk:
1. Miż-żewġ vokali, tiddeċiedi dejjem l-ewwel waħda: osserva lilha (eż. caotico, teologo, biologico, diadema, reale, ateo, poeta, dualismo, influenza, nutrienti, clienti). Qed nagħtuhom bit-Taljan, għax il-problema proprjament tinqala' mill-kitba Taljana għall-Maltija.
2. Jekk l-ewwel vokali tkun: a jew e jew o tifridhiex mill-vokali ta' warajha. Mela: kaotiku, teoloġija (teologu), reali, ateu, poeżija (poeta).
3. Iżda, jekk l-ewwel vokali tkun i jew u ifridha mill-vokali ta' warajha permezz ta' j (jekk i), jew w (jekk u), bħal huwa u hija. Mela: bijoloġiku, dijadema, nutrijenti, klijenti; u duwaliżmu, influwenza). Tkun xi tkun il-vokali ta' warajha.
Dawn l-aħħar żewġ punti jistgħu jerġgħu jitqassru hekk:
a+V = aV (V tirrappreżenta t-tieni vokali tal-grupp)
e+V = eV
o+V = oV
---------------
i+V = i j V
u+V = u w V
Dawn iż-żewġ punti nistgħu narawhom applikati f'kelma waħda: teorija.
Regola 4(ċ) imbagħad tweġibna fuq kliem bħal riabilitazzjoni.
Skont din ir-regola, meta minn żewġ vokali wara xulxin, l-ewwel waħda tkun ta' prefiss u t-tieni ta' kelma oħra (eż. anti+aċidiku, bi+ennali, di+ossidu, ko+alizzjoni, ri+organizzazzjoni) dawn jinkitbu wara xulxin bla ebda firda bejniethom (jiġifieri mingħajr j jew w).
Mela jiġu: antiaċidiku, biennali, diossidu, koalizzjoni, riorganizzazzjoni. U bħalhom: riedukazzjoni, riepilogu, koordinazzjoni (jew kordinazzjoni). L-istess bħal antieroj u semiawtomatiku.
Prof. Manwel Mifsud
|