Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: X'niktbu: "skond" jew "skont"?

Sa ftit snin ilu konna nifirdu *skond (according to) minn skont (reduction). Imma, taf li dan kien żball?! Taf li f'din konna ħarisna lejn il-kitba Taljana u għalaqna għajnejna għall-użu reali tal-Malti?

Tant hu hekk li:

filwaqt li ta' qabilna kienu għamlu għażla ġusta bejn każ (case) għax każijiet u kas (attention) għax (ta) kasi,

konna għadna qed niktbu *skond (according) avolja skontok u skont (reduction) għax skontijiet.

Ladarba r-regola fil-Malti (regola tal-1924) hija dejjem li, malli tqiegħed vokali wara l-konsonanti inkwestjoni, toħroġ in-natura vera tal-konsonanti (eż. ġdid għax ġdidaħabib għax ħabiba, ħobż għax ħobża, ħabs għax ħabsi, taraġ għax tarġa eċċ.), allura rridu nkunu konsistenti, billi niktbu skont (bit-t) għax ngħidu u niktbu: skonti, skontok, skontu eċċ.

 

Imma skond mhux ġejja minn secondo mit-Taljan?

Hekk hu. Imma b'daqshekk ma jfissirx li niktbuha bħat-Taljan! Fil-Malti niktbu, ngħidu aħna, pajjiż (avolja ġejja minn paese) għax ngħidu pajjiżi. Niktbu wkoll art (avolja ġejja minn ard) għax ngħidu artijiet. Din hi sistema konsistenti fl-ortografija tal-Malti.

 

Imma hemm min qed jiżbaljaha ma' skont (reduction)?

Serraħ rasek, għax il-lingwa, kull lingwa, miżgħuda b'omofoni (kliem bl-istess ħoss imma b'tifsira differenti) li l-poplu qatt ma jiżbaljahom għax jużahom dejjem f'kuntest, bħall-friefet li jtiru ħfief fil-ġnien u mhux bħal dak li, miskin, jispiċċa taħt il-pinzetta tal-istudjuż, misfuf u msallab ġo vetrina, bħall-kelma fid-dizzjunarju.

Għax il-lingwa ħajja.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra