Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Il-plural ta' "ingravata" x'inhu eżatt?

Fil-Malti huma ħafna n-nomi li jieħdu iktar minn plural wieħed, u spiss dawn ikunu wieħed plural sħiħ u l-ieħor plural miksur.

Fost dawn in-nomi nsibu wħud ta' nisel Semitiku (bħal triq: triqat/toroq) u ħafna ta' nisel Rumanz (bħal bolla: bolli/bolol; kaxxa: kaxxi/kaxex). Ma' dawn tal-aħħar tista' żżid ingravata, li għal xi wħud għandha l-plural sħiħ ingravati waqt li għal xi oħrajn tieħu l-plural ingravajjet.

Il-kelma ingravati hija plural sħiħ biż-żieda tas-suffiss -i.

Il-kelma ingravajjet hija plural miksur "b'differenza", għax fil-fatt tixbah il-plurali miksurin bħal ħġejjeġ, ftajjar, imma fuq quddiem, minflok 2 konsonanti (bħal: ħġ-, ft-), għandha 2 sillabi sħaħ (ingrav-). Dan huwa tip ta' plural li nsibuh biss mal-kliem ta' nisel barrani, u li ġie żviluppat biex il-plural miksur seta' jibqa' jaħdem anke fuq kliem li kien twil wisq u li ma kellux 3 konsonanti biss jew 4. (Għal diskussjoni ċara fuq dawn in-nomi, ara: Loan Verbs in Maltese, pp. 209-210).

Dwar il-fatt li għandna żewġ plurali, irridu niftakru li sakemm plural ikun użat minn ħafna nies u jkun mibni skont forma aċċettata, dan ma jistax jitqies żbaljat jew ħażin. Għalhekk, m'hemm xejn ħażin fil-fatt li hemm min jgħid ingravati u hemm min ingravajjet, u t-tnejn qegħdin jgħidu plural tajjeb. Kull wieħed minna aktarx juża wieħed minnhom, imma jkun iktar għani fil-vokabolarju tiegħu jekk jitgħallem ukoll il-forma li juża ħaddieħor.

Dan, fl-aħħar mill-aħħar, huwa raġunament ta' apprezzament tad-diversità, apprezzament li llum ġustament qed isir f'kull qasam tal-ħajja.

Prof. Manwel Mifsud


B'rabta ma' dan is-suġġett, nissuġġerulek tara wkoll din.

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra