Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Liema hi t-tajba: "ħtiġiet" jew "ħtiġijiet"?

Fil-Malti, fost is-suffissi tal-plural insibu kemm -iet u kemm -ijiet.

Hemm it-tendenza ġenerali li l-kliem li fis-singular jispiċċa bl-jieħu -iet (eż. ġrajja/ġrajjiet), u l-kliem li jispiċċa b'konsonanti jew b'vokali oħra (barra -a) jieħu -ijiet (eż. missier/missirijiet, torri-torrijiet, soru-sorijiet). Skont din it-tendenza, wieħed għandu jistenna li l-plural ikun ħtiġiet, u fil-fatt issib min jissuġġerilek li tuża ħtiġiet biss.

Imma fil-lingwa hemm iktar minn dinamika waħda, kif fit-temp hemm iktar minn riħ wieħed... u ġieli riħ ikun kontra ieħor u jegħlbu jew jitħallat miegħu. Fil-fatt, fil-Malti hemm ukoll tendenza kurjuża li ċerti zkuk qosra jsibu mezzi biex jitwalu ftit ħalli jlaħħqu ma' sħabhom u jinħassu iktar regolari. Jista' jkun li kienet din ir-raġuni għaliex ħafna Maltin il-kelma ħtiġiet donnhom ħassewlha xi ħaġa nieqsa u bdew iżidulha wkoll is-suffiss -ijiet: ħtiġijiet, plural li llum sar bil-wisq iktar popolari.

Ma hemm xejn ħażin f'dan - min juża ħtiġiet u min juża ħtiġijiet. Fil-fatt, it-tnejn meqjusin tajbin.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra