Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: 61.3 "millimetru" jew "millimetri" xita?

Soluzzjonijiet bħal dawn (għal problemi relattivament ġodda) ma jaqgħux mis-sema, u ma jivvintahomx min jistudja l-lingwa.

Ifittixhom fil-lingwa stess, fuq fomm in-nies, u - iktar iva milli le - isib tweġiba li jista' japplikaha għall-każ ġdid tiegħu.

Issa l-Malti forsi ma kellux id-deċimali minn dejjem, imma frazzjonijiet kellu.

Jekk ikollna "5 and a half gallons of water" ilkoll ngħidu ħames galluni u nofs ilma (u mhux ħamsa u nofs galluni ilma). Mela fil-Malti l-ewwel tagħti l-kejl is-sħiħ u mbagħad issemmi l-frazzjoni tas-sħiħ.

Għalhekk, b'dan il-mudell tal-frazzjonijiet nista' nsolvi l-problema tad-deċimali.

Mela, bil-mudell ta' ħames galluni u nofs nista' nibni:

- wieħed u sittin millimetru punt tlieta (u mhux wieħed u sittin punt tlieta millimetri)

- erba' litri punt sebgħa (u mhux erbgħa punt seba' litri)

- seba' gradi punt tnejn (u mhux sebgħa punt tnejn gradi)

Iktibhom skont kif taqrahom. U minħabba li din is-soluzzjoni timxi mas-sintassi li dejjem uża l-kelliem Malti, tinħass ħafna iktar naturali u ħafna inqas imqanżħa.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra