Ir-Regoli tal-Kitba tal-Malti

Meta mqabbel mal-kitba ta’ ilsna oħra, nistgħu ngħidu li l-mod ta’ kif għandu jinkiteb il-Malti jista’ jitqies bħala avveniment pjuttost reċenti. Kellna nistennew sal-1921 biex ikollna alfabett iffinalizzat u sal-1924 biex ikollna grammatika li suppost ikunu aċċettati minn kulħadd. Qabel din id-data kien hemm bosta tentattivi oħra biex jitfasslu alfabett u grammatika ta’ lsienna, xi wħud minn dawn it-tentattivi kienu serji u oħrajn, anqas serji, xi wħud qabdu l-art u oħrajn ma sabux xorti. Uħud mill-ewwel tentattivi li nsibu huma dawk tal-Kanonku Ġan Franġisk Agius De Soldanis bil-grammatika (1750) u d-dizzjunarju tiegħu f’erba’ volumi, ix-xogħol tal-Kavallier Thezan u l-grammatiki u d-dizzjunarju ta’ Mikiel Anton Vassalli. Nistgħu ngħidu li Vassalli għaraf tassew it-tiswir tal-ilsien Malti. Fl-ewwel perjodu tiegħu, meta kiteb Il-Grammatica Melitensis jew Mylsen Phoenico-Punicum (1791) kif ukoll fil-Lexicon (Dizzjunarju Malti – Latin – Taljan), kien għadu jemmen li l-Malti kien imnissel mil-Lhudi u l-Feniċju iżda aktar tard, ta’ studjuż li kien, intebaħ li l-Malti kien aktar jixbah lill-Għarbi. 

Nistgħu ngħidu li Vassalli kien l-ewwel wieħed li assoċja ittra waħda ma’ ħoss distintiv wieħed fit-tfassil tal-alfabett tiegħu. Madankollu, b’xorti ħażina, xi simboli li uża ma ntlaqgħux tajjeb minħabba li kienu pjuttost strambi għax kienu meħudin fost l-oħrajn, mill-alfabett Feniċju u Grieg. Huwa bidel xi wħud minn dawn l-ittri fil-Grammatica della Lingua Maltese (1827). Wara l-grammatika ta’ Vassalli nkitbu bosta grammatiki oħrajn, fosthom dik ta’ Francis Vella (1831). Ir-regoli tal-ortografija f’din il-grammatika nistgħu ngħidu li kienu bbażati fuq ir-regoli tal-kitba bit-Taljan. Fl-1839 ħareġ il-ktieb English and Maltese Reading Book for the Use of Government Primary Schools. L-ortografija użata f’dan il-ktieb kienet taħlita ta’ ittri Rumani u Għarab. 

Fl-1843 is-Società Filologica Maltese magħrufa wkoll bħala l-Accademia Filologica fasslet alfabett ieħor. Dan l-alfabett kellu 33 ittra u l-għan ewlieni tiegħu kien li jħaffef il-proċess tat-tagħlim tal-kitba Taljana bil-Malti. Dan l-alfabett kien ukoll iddaħħal fl-iskejjel fl-1850 mill-Kanonku Paolo Pullicino iżda ta’ min jgħid li dan l-alfabett ma kellux sisien lingwistiċi u xjentifiċi sodi. Ġara li aktar ma bdew jinħolqu alfabetti ġodda, aktar bdiet tikber il-konfużjoni ta’ kif għandu jinkiteb il-Malti u saħansitra kien hemm żmien li t-tagħlim tal-kitba Maltija fl-iskejjel tal-gvern kellu jieqaf proprju minħabba nuqqas ta’ alfabett tajjeb. Fl-1845 insibu l-grammatika tal-Kanonku Fortunato Panzavecchia: Grammatica della Lingua Maltese u fl-1882 ix-Xirka Xemija ħarġet l-alfabett fonetiku tagħha li kien fih 29 ittra. Ir-regoli tal-ortografija tax-Xirka Xemija nistgħu ngħidu li kienu tajbin u maħsubin bir-reqqa u mibnijin fuq prinċipji sodi u li servew ta’ bażi għax-xogħol li ħarġet l-Għaqda aktar tard. Insibu bosta tentattivi oħra, bħal ngħidu aħna dawk ta’ Ġanni Vassallo fl-1901. L-alfabett ta’ Vassallo kien simili għal dak tal-Accademia u għall-alfabett fonetiku mfassal minn A.E Caruana fl-1903.

____________________________________________________________________________________

1924: Tagħrif fuq il-Kitba Maltija

It-Tagħrif fuq il-Kitba MaltijaFl-14 ta’ Novembru 1920 saret l-ewwel laqgħa tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti li llum tissejjaħ l-Akkademja tal-Malti u nħatret Kummissjoni biex tfassal alfabett li fuqu kellhom jinbnew ir-regoli tal-kitba bil-Malti. Sena wara, dan l-alfabett kien finalizzat u l-Kummissjoni, l-aktar permezz tal-ħidma ta’ Ninu Cremona, baqgħet taħdem fuq ir-regoli tal-ortografija li tlestew fl-1924 u ġew stampati mill-Gvern Malti fi ktieb li jġib l-isem Tagħrif fuq il-Kitba Maltija.

L-ewwel taqsima ta’ dan ix-xogħol tagħti r-regoli dwar kif wieħed għandu jikteb bil-Malti, imqassmin f’għaxart irjus. It-tieni taqsima tfisser aħjar l-għamla u t-tiswir ta’ kull kelma li għandha tinkiteb jew aħjar, il-morfoloġija tal-ilsien Malti u għalhekk tittratta l-għamliet tal-kliem Malti, in-nisel, it-tiswir u l-bini tal-kelma fil-Malti. Din it-taqsima hija maqsuma fi ħmistax-il ras. Permezz ta’ dan ix-xogħol naqas sew it-taħwid li kien hawn fil-qasam tal-kitba bil-Malti li kien qed jagħmel ħsara kbira l-aktar fl-oqsma tat-tagħlim u tal-letteratura. Fl-1934 l-alfabett u l-ortografija tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, saru uffiċjali u kull min jikteb bil-Malti jrid jintrabat li juża dawn ir-regoli.

1984: Żieda mat-Tagħrif

Iż-Żieda mat-TagħrifMaż-żmien bdiet tinħass dejjem aktar il-ħtieġa li jsiru regolamenti dwar il-kliem il-ġdid li baqa’ dejjem dieħel fi lsienna. Għalhekk, fl-1984 l-Akkademja tal-Malti ħarġet iż-Żieda mat-Tagħrif. Dawn ir-regoli miżjuda ma’ dawk tat-Tagħrif jiffukaw l-aktar fuq l-ortografija ta’ neoloġiżmi Anglo-Sassoni u Rumanzi li daħlu fil-Malti minn mindu kien ġie ppubblikat it-Tagħrif.

Il-Malti, bħal kull lingwa ħajja oħra, irid jinbidel u jaġġorna ruħu biex ikun jista’ jaqdi aħjar il-ħtiġijiet tal-kelliema tiegħu. Iż-żminijiet jinbidlu u magħhom jinbidlu l-affarijet, l-użanzi u d-drawwiet tal-poplu. Din il-bidla trid tkun riflessa fil-lingwa. Għaldaqstant, il-lingwa ma tistax tiffossilizza ruħha. Għall-kuntrarju ta’ dak li kien maħsub fl-imgħoddi, hija xi ħaġa naturali li l-lingwa, inkluż dik Maltija, tassorbi kliem u elementi lingwistiċi differenti minn ilsna oħra, l-aktar dawk li tkun f’kuntatt kontinwu magħhom. Minħabba f’hekk, mhijiex xi ħaġa ħażina li fil-Malti jidħol kliem minn ilsna oħra. Wara kollox, dan mhuwiex xi fenomenu ġdid, li japplika għall-Malti biss jew li qed japplika fi żmienna biss. Il-ħażin hu li jinqabeż il-limitu, u dan il-limitu l-kelliem nattiv jaf x’inhu. Il-ħażin huwa meta nitilfu l-kreattività li joffrilna lsienna u b’kapriċċ, b’għażż mentali jew għal xi raġuni oħra, naqbdu u niftħu l-bibien għal kull influwenza barranija li saħansitra tkun tistona fi lsienna u meta saħansitra lsienna stess ikun diġà joffrilna alternattiva oħra għal dik l-influwenza missellfa. 

Fi żmienna, dan il-fenomenu qed jinħass l-aktar fil-qasam tat-tislif tal-kliem mill-Ingliż. Madankollu, wieħed irid joqgħod attent għax bħal donnu anke l-qasam sintattiku qed jibda jittieħed minn din il-marda li bħal donnha tinxtered malajr. F’dan il-kuntest irridu noqogħdu attenti ħafna biex infasslu regoli bil-għaqal li jilqgħu għal din l-influwenza lingwistika barranija u nerġgħu nevitaw sitwazzjoni bħal dik li nsibu referenza għaliha fid-Daħla tat-Tagħrif (1924, xviii): “… Bosta barranin mgħallmin fl-ilsna ta’ nisel il-Malti, meta qraw il-Malti kif kien jinkiteb s’issa, stqarru (u għajruna) li aħna nċafalsu, u li għall-istess leħnijiet ninqdew daqqa b’ittri u daqqa b’oħrajn, u li m’għandna ebda regola jew triq waħda suret in-nies li nimxu fuqha. Mitt kittieb: mitt ortografija.”

1992: Aġġornament tat-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija

L-Aġġornament tat-TagħrifFl-1988 l-Akkademja tal-Malti ħatret Kummissjoni biex tkompli taġġorna l-ortografija tal-Malti u b’hekk tlaħħaq mal-ħtiġijiet ġodda li feġġew fi żminijietna. Din il-Kummissjoni qablet li t-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija (1924) u ż-Żieda mat-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija (1984) kellhom jibqgħu l-bażi tal-ortografija Maltija.

Wara bosta laqgħat il-Kummissjoni ressqet il-proposti tagħha quddiem l-Akkademja u din iddeċiediet li l-proposti għandhom ikunu diskussi f’seminar li għalih kellhom jattendu l-membri tal-Akkademja u kittieba u għalliema tal-Malti. Fil-fatt, is-seminar sar nhar it-2 ta’ Novembru 1991 fid-dar tal-Għaqda Din l-Art Ħelwa fil-Belt Valletta. Il-proposti li ħarġu minn dan is-seminar ġew diskussi mill-Akkademja tal-Malti. Id-deċiżjonijiet finali ġew ippubblikati fl-1992 f’rapport finali msejjaħ Aġġornament tat-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija (1924). Dan l-aġġornament jikkonsisti fi tmien regoli tal-ortografija fosthom, il-kitba ta’ nomi u aġġettivi bil-‘għ’ bħala l-ewwel konsonanti tal-għerq tagħhom, il-prefiss ‘j’ quddiem verbi li jibdew bil-‘għ jew bil-‘h’ u l-kitba tal-konġunzjoni ‘u’.

2008: Deċiżjonijiet 1

Id-Deċiżjonijiet 1Fl-2005 twaqqaf il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti (KNM). Skont Kap. 470 tal-Liġijiet ta’ Malta, Att dwar l-Ilsien Malti, 2004, Taqsima II 5(2), issa huwa l-KNM li għandu jagħmel kull aġġornament li jkun meħtieġ fl-ortografija ta’ lsienna, u li minn żmien għal żmien, skont il-ħtieġa, għandu jistabbilixxi l-mod kif irid jinkiteb il-kliem ġdid fil-Malti u l-kitba korretta ta’ kliem u frażijiet li jidħlu fil-Malti minn ilsna oħra. Għaldaqstant, l-ewwel biċċa xogħol tal-KNM kienet li jidentifika l-akbar problemi jew sfidi kontemporanji tal-ortografija tal-Malti. Dawn huma l-varjanti ortografiċi, il-kitba tal-kliem Ingliż fil-Malti u l-varjanti fonetiċi. L-ewwel ma ffoka l-Kunsill kien fuq il-varjanti ortografiċi. Dawn huma dak il-kliem li minkejja li jkun ippronunzjat bl-istess mod, madankollu jkollu aktar minn mod wieħed kif jinkiteb. Xi drabi dawn il-forom alternattivi jistgħu jkunu ta’ tfixkil għal kull min jikteb bil-Malti minħabba li joħolqu nuqqas ta’ konsistenza fl-ortografija.

Il-KNM beda billi ġabar lista ta’ dawn il-varjanti u tellagħha fis-sit tiegħu biex kulħadd ikun jista’ jaraha u jikkummenta dwarha. Din il-lista ġabarha minn fost l-għalliema u t-tradutturi tal-Malti, fost l-oħrajn, li kienu talbu lill-Kunsill biex jagħmel il-ħajja eħfef u jnaqqas il-varjanti ortografiċi. Wara din il-fażi kien imiss il-fażi ta’ konsultazzjoni ma’ bosta persuni li jaħdmu f’xi qasam jew ieħor tal-Malti, fosthom, għalliema, kittieba, studjużi, tradutturi u pubblikaturi. Dawn intalbu jagħtu fehmithom fi ktiba. B’kollox il-Kunsill irċieva 33 ktiba li ġew ippubblikati fi ktieb apposta. Dawn il-ktibiet servew ta’ bażi għal seminar nazzjonali li sar fl-20 ta’ Jannar 2007. Wara din il-fażi ta’ konsultazzjoni wiesgħa l-Kunsill ħatar Kumitat ta’ esperti biex jiflu l-varjanti u l-fehmiet kollha li kienu ngħataw fuqhom u biex fl-aħħar jaslu għad-deċiżjonijiet meħtieġa u tant mistennija. Dan il-Kumitat kien kompost minn dawn il-membri: il-Prof. Albert Borg (il-Koordinatur tal-Kumitat), Dr George Farrugia (is-Segretarju tal-Kumitat), is-Sur David Agius Muscat MA, il-Prof. Charles Briffa, il-Prof. Joseph M. Brincat, il-Prof. Ray Fabri, il-Prof. Manwel Mifsud, is-Sur David Muscat BA, PGCE, u tliet konsulenti, is-Sur Carmel Azzopardi MA, is-Sur Joe Caruana MSc u s-Sa Maria Ferstl Mag.phil, ilkoll nies ikkwalifikati fil-Malti u fit-traduzzjoni.

Il-Kumitat għamel 30 laqgħa ta’ madwar tliet sigħat il-waħda biex jiddiskuti dawn il-varjanti. Fid-diskussjonijiet tagħhom il-membri tal-Kumitat dejjem żammew quddiem għajnejhom il-bosta prinċipji differenti li jsawru l-ortografija tal-Malti, ewlenin fosthom, il-prinċipju fonetiku, il-prinċipju fonoloġiku, il-prinċipju etimoloġiku u l-prinċipju morfoloġiku. Għaldaqstant l-għażla finali tal-verżjoni magħżula kienet raġunata u meqjusa biex kemm jista’ jkun ma tkunx arbitrarja. Il-Kumitat ippreżenta rapport dwar id-deċiżjonijiet tiegħu lill-KNM u dan approva dan ir-rapport b’mod unanimu fil-laqgħat tat-12 u s-16 ta’ Ġunju 2008. Dan ir-rapport ġie ppubblikat fi ktejjeb bl-isem ta’ Deċiżjonijiet 1.

Dawn id-deċiżjonijiet saru uffiċjali bil-pubblikazzjoni tagħhom fil-Gazzetta tal-Gvern, ħarġa numru 18,286, tal-25 ta’ Lulju 2008. Ingħata perjodu ta’ tliet snin li matulu l-varjanti li kienu se jitwarrbu baqgħu jitqiesu korretti sakemm jindraw mill-pubbliku. F'dawn it-tliet snin, il-Kunsill għamel numru kbir ta' laqgħat ma' diversi nies u entitajiet li jużaw il-Malti f'xogħolhom, primarjament max-xandara u l-ġurnalisti tal-gazzetti u l-istazzjonijiet, l-għalliema kollha ta' Malta u Għawdex, u l-pubblikaturi. Membri mill-Kunsill ħadu sehem ukoll f'diversi programmi tar-radju u t-televiżjoni li matulhom kellhom l-opportunità jispjegaw dawn id-deċiżjonijiet lill-pubbliku. Kull min xtaq kopja tar-regoli, intbagħtitlu bla ħlas. Id-dokumenti ttellgħu f'format pdf fis-sit tal-Kunsill biex ikunu aċċessibbli minn kulħadd, minn kullimkien. Mill-2010 bdew jitqiesu tajbin il-forom magħżula biss.

 

George Farrugia (2009)