Stqarrija: Il-Kitba tal-Kliem mill-Ingliż fil-Malti

Kulħadd qal tiegħu… u int?

Ir-rapport dwar il-kitba tal-kliem mill-Ingliż ‘Lejn id-Deċiżjonijiet 2’, li tlesta mill-kumitat maħtur apposta mill-Kunsill tal-Malti biex jistudja l-kitba tal-kliem mill-Ingliż fil-Malti, ittella’ f'dan is-sit f’Marzu 2017 għall-attenzjoni tal-pubbliku.

L-għan ewlieni tar-rapport hu li joffri linji gwida fuq kif għandu jinkiteb il-kliem li l-Malti jieħu mill-Ingliż. Ir-regola attwali dwar il-kitba ta’ dan il-kliem tmur lura għall-1984 u għalhekk kien ilu jinħass il-bżonn li tkun aġġornata.

Ir-rapport tħejja wara żewġ seminars pubbliċi ta’ konsultazzjoni (wieħed fl-2008 u ieħor fl-2016) b’attendenzi numerużi, u wara numru kbir ta’ laqgħat li organizza l-Kunsill tal-Malti u li matulhom, fl-aħħar snin, il-kumitat imsemmi ltaqa’ u ddiskuta ma’ individwi interessati minn entitajiet u oqsma differenti ewlenin, bħall-edukazzjoni, it-traduzzjoni u l-qari tal-provi, il-pubblikazzjoni, u l-ġurnaliżmu u x-xandir. Tagħrif ieħor dwar dan issibu f’din il-kronoloġija.

Fl-aħħar laqgħat tiegħu, il-Kunsill għarbel il-fehmiet kollha diskussi fit-tieni seminar pubbliku u kkunsidra wkoll ir-reazzjonijiet kollha li ntbagħtu mill-pubbliku matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni li nfetaħ wara t-tieni seminar.

Il-Kunsill tal-Malti qed jagħti l-aħħar opportunità lil kull min hu interessat, jew forsi ma setax jattendi għas-seminars, biex jekk għandu xi punt dwaru jgħaddihulu fl-indirizz kunsilltalmalti@gov.mt sa tmiem Diċembru 2017 qabel ma dan jgħaddi mill-aħħar passi formali biex isir uffiċjali.

Dokumenti relatati:

Tista' tara l-aħħar seminar pubbliku organizzat mill-Kunsill fuq dan is-suġġett minn hawn.

 

17 ta’ Novembru 2017