Lista biblijografika ta’ riżorsi lingwistiċi tal-Malti

Konna ilna nħossu l-bżonn li jkun hawn lista ta’ pubblikazzjonijiet, bħal dizzjunarji u teżawri tal-Malti, glossarji b’termini ta’ oqsma differenti, ġabriet ta’ qwiel u idjomi, manwali tal-ortografija, u ta’ riżorsi lingwistiċi oħra utli għall-istudju u t-tagħlim tal-Malti.

Wara laqgħa li kellna mal-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra (fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin), li wkoll wera x-xewqa li jkun hawn lista bħal din aċċessibbli għall-għalliema tal-Malti u l-emigranti Maltin lil hinn minn xtutna, bi sħab mad-Dipartiment tal-Malti fl-Università għamilna ġabra ta’ għadd ta’ pubblikazzjonijiet li jistgħu jkunu ta’ fejda għal min jaħdem bil-Malti. Qassamnieha f’ġeneri differenti u għal kull pubblikazzjoni qed nagħtu isem l-awtur/i, is-sena tal-pubblikazzjoni u l-pubblikatur (fejn japplika). Għar-riżorsi diġitali, li huma aċċessibbli mill-internet, qed nagħtu l-indirizz fejn tista’ tidħol u ssibhom. Ix-xogħlijiet qed jidhru f’ordni kronoloġika.

Il-lista ssibha hawn taħt u tista’ tfittex fiha billi tagħfas CTRL+F. 

Se nibqgħu naġġornawha minn żmien għal żmien. Jekk taf b’kotba jew b’riżorsi oħra tal-Malti marbuta mal-ġeneri indikati u li mhumiex fiha, iktbilna fuq kunsilltalmalti@gov.mt ħalli ninkluduhom. Din il-lista ma tinkludix xogħlijiet letterarji.

Nirringrazzjaw lil Dr Michael Spagnol, mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università, u lis-Sur Raffaello Bezzina għall-għajnuna tagħhom.