‘Deċiżjonijiet 2’ fuq il­-Kitba tal­-Kliem mill-­Ingliż fil-­Malti

Id-Deċiżjonijiet 2 fuq il-kitba tal-kliem mill-Ingliż fil-Malti

Ir-rapport qasir u t-tabella għandhom jittieħdu fid-dawl tar-rapport sħiħ.

Ara x'qed jistaqsu fuq id-Deċiżjonijiet 2.

 

 

Ftit tagħrif dwar il-­mixja sad-Deċiżjonijiet 2

Sa mit-twaqqif tiegħu fl-2005, il-Kunsill tal-Malti kien konxju mid-diffikultajiet li kienet toħloq fi żmienna r-regola ortografika tal-1984 dwar il-kitba tal-kliem mill-Ingliż fil-Malti. Fl-aħħar 34 sena, il-kliem mill-Ingliż żdied sew fi lsienna u din ir-regola pjuttost qasira bdiet tinħass wiesgħa u vaga. Għalhekk, il-Kunsill iddedika snin sħaħ għad-diskussjoni ma’ kull min kien interessat u ma’ min juża l-aktar il-Malti f'xogħlu biex jemendaha u jaġġornaha. Sa ma wasal għad-deċiżjonijiet tiegħu, il-Kunsill ra li jiltaqa’ u jisma’ lill-għalliema tal-Malti u mhux, lill-awturi u l-pubblikaturi, lill-ġurnalisti u x-xandara, lit-tradutturi u l-qarrejja tal-provi, lill-impjegati tas-settur pubbliku, kif ukoll lill-pubbliku inġenerali. Dan għamlu b’laqgħat u taħditiet, kif ukoll f’seminars u konferenzi pubbliċi.

Imxejna sewwasew kif għamilna fil-varjanti ortografiċi, qabel ma ppubblikajna d-Deċiżjonijiet 1, għax dak il-metodu ħadem tajjeb u saħħaħnieh. Fil-bidu tal-2008 għamilna stedina pubblika għar-reazzjonijiet fuq is-suġġett u ħriġna pubblikazzjoni bil-35 fehma li rċivejna mingħand dawk li laqgħu l-istedina li għamilna. Fit-12 ta’ April tal-istess sena organizzajna seminar kbir għall-konsultazzjoni pubblika li għalih attendew ’il fuq minn 300 ruħ. Il-pubblikazzjoni bil-ġabra tal-fehmiet (ktibiet) serviet ta’ dokument għad-diskussjoni, u fiha kien hemm ukoll ktibiet li taw ħarsa lejn il-kitba tal-kliem mill-Ingliż f’lingwi differenti.

 

Wara dan is-seminar waqqafna kumitat konsultattiv, magħmul minn nies li ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja, biex jiddiskuti s-suġġett f’aktar dettall fid-dawl tar-reazzjonijiet li ħarġu mis-seminar u mill-ktibiet ippubblikati. Il-Kunsill tal-Malti ried jiżgura li ma jiddeċidix qabel ma jkun sema’ u wiżen il-fehma ta’ kull min xtaq jikkontribwixxi ħalli d-Deċiżjonijiet 2, minbarra li jkunu msejsa fuq prinċipji akkademiċi sodi, jirriflettu x-xewqat tal-pubbliku. Għalhekk, il-Kunsill impenja ruħu biex id-dan ix-xogħol ma jagħmlux b’għaġla żejda.

Wara li l-ewwel kumitat ippreżenta l-abbozz bil-konklużjonijiet li wasal għalihom, il-Kunsill – li sadattant kien għadda għat-tielet terminu tiegħu – ħass li kellu jifforma kumitat ieħor aktar tekniku biex jorqom l-abbozz ippreżentat, ikompli jikkonsulta mal-individwi konċernati, u jistudja sewwa l-oqsma li kienu għadhom pendenti. Parallel max-xogħol ta’ dan il-kumitat, bdew jiġu organizzati wkoll laqgħat iżgħar ma’ nies minn setturi partikolari li jużaw il-Malti f’xogħolhom biex id-diskussjonijiet ikunu aktar iffukati fuq il-ħtiġijiet individwali tagħhom. B’hekk, id-Deċiżjonijiet 2 ikunu jistgħu jqisu wkoll dawn il-kuntesti ta’ postijiet tax-xogħol differenti, ngħidu aħna tat-tradutturi u tal-pubblikaturi.

Waħda minn dawn it-taħditiet saret f’Marzu 2015 mal-pubblikaturi u l-awturi bi sħab mal-Akkademja tal-Malti. Laqqajniehom flimkien bl-għajnuna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. It-taħdita mexxewha l-Prof. Albert Borg u Dr George Farrugia mill-kumitat tal-Kunsill li kien qed jaħdem fuq l-aġġornament tar-regoli tal-kitba tal-kliem mill-Ingliż. Din it-taħdita wasslet għal laqgħa oħra, xahar wara, mal-awturi u l-pubblikaturi, mill-ġdid bi sħab mal-Akkademja tal-Malti, għal min ma setax jattendi t-taħdita. Din il-laqgħa saret f’Dar l-Ewropa, il-Belt.

 

Ftit xhur wara, it-tieni kumitat ippreżenta l-abbozz finali tiegħu fuq is-suġġett u l-Kunsill ħass li kien wasal il-waqt li jorganizza seminar pubbliku ieħor biex, minbarra li jippreżenta dawn il-konklużjonijiet preliminari, jieħu r-reazzjonijiet tal-pubbliku fuqhom, u jkompli jisma’ u jiddiskuti dan is-suġġett kumpless ma’ kull min xtaq jgħaddi fehemtu.

Għalhekk, is-Sibt, 18 ta’ Ġunju 2016, tella’ t-tieni seminar pubbliku fil-Lukanda Le Méridien, San Ġiljan. Dan ixxandar dirett fuq l-internet biex ikunu jistgħu jsegwuh l-emigranti Maltin, it-tradutturi u l-qarrejja tal-provi tal-istituzzjonijiet tal-UE li jgħixu barra, l-anzjani, u l-Għawdxin li ma setgħux jingħaqdu magħna. Matul is-seminar, il-membri tal-kumitat tal-Kunsill li kien qed jistudja kif se niktbu l-kliem mill-Ingliż, ħejja preżentazzjoni bil-prinċipji u l-proposti li kien wasal għalihom. Il-programm tas-seminar issibu hawn u l-istqarrija marbuta miegħu li konna ħriġna għall-istampa u x-xandir tista’ terġa’ taraha minn hawn.

It-tieni seminar tista’ terġa’ ssegwih ukoll mill-filmat irrekordjat t’hawn taħt.

 

Wara dan it-tieni seminar pubbliku b’attendenza numeruża, il-konsultazzjoni pubblika baqgħet miftuħa ħmistax (sat-2 ta’ Lulju 2016) biex kull min xtaq jaqsam il-fehmiet tiegħu magħna fuq dak kollu li ppreżentajna matulu, seta’ jagħmel dan. Wara din id-data, il-Kunsill ma setax jibqa’ jiffunzjona kif xtaq għaliex kien għalaqlu t-tielet terminu tiegħu u bdew jiġu diskussi għadd ta’ emendi fil-liġi tal-Malti. Meta dawn l-emendi daħlu fis-seħħ, fis-sena ta’ wara, il-Kunsill reġa’ kien kompost mill-ġdid u kompla bil-ħidma fir-raba’ terminu tiegħu.

Sadattant, il-kumitat li kien qed jaħdem fuq id-Deċiżjonijiet 2, laħaq għarbel il-fehmiet diskussi fit-tieni seminar u kkunsidra wkoll ir-reazzjonijiet kollha li ntbagħtulu mill-pubbliku matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni li nfetaħ wara. Fid-dawl ta’ dan, wasal għall-konklużjonijiet tiegħu u ppreżenta abbozz aġġornat tar-rapport lill-Kunsill. Peress li matul dan iż-żmien baqgħu deħlin għadd ta’ reazzjonijiet validi minn nies li jħaddmu l-Malti f’xogħolhom, f’Marzu 2017 il-membri tal-Kunsill il-ġdid iddeċidew li jippubblikaw dan ir-rapport fis-sit tal-Kunsill u li jestendu l-perjodu ta’ konsultazzjoni fuqu sa tmiem is-sena 2017.

Wara li tqiesu l-fehmiet kollha li daħlu, tħejja r-rapport finali li ġie approvat b’mod unanimu mill-membri tal-Kunsill tal-Malti f’Marzu 2018. Id-dokument ġie finalizzat u ddisinjat, u sar uffiċjali fil-11 ta’ Diċembru 2018. Din hi l-pożizzjoni uffiċjali tal-Kunsill, bl-emendi meħtieġa wara 34 sena mir-regola tal-1984. Fil-fatt, id-Deċiżjonijiet 2 (2018) ħadu post ‘Taqsima B. Regoli Fundamentali’ taż-Żieda mat-Tagħrif tal-Akkademja tal-Malti (1984). Bi ftehim mal-pubblikaturi u numru ta’ għalliema, ġie deċiż li jingħata moratorju ta’ 5 snin sakemm id-Deċiżjonijiet 2 jindraw u jidħlu fis-seħħ fil-11 ta’ Diċembru 2023. 

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti jirringrazzja lil kull min ħa sehem fl-eżerċizzju twil ta’ konsultazzjoni billi esprima fehemtu direttament miegħu jew fil-mezzi tax-xandir u l-istampa. B’hekk id-diskussjoni setgħet tkun aktar mifruxa u twassal għal proposti iżjed maturi. Il-fehma ta’ kulħadd tiswa u l-Kunsill semagħha u studjaha.

Tagħrif aktar dettaljat fuq il-mixja storika sad-Deċiżjonijiet 2 issibu minn din il-kronoloġija. Fiha ssib ukoll il-membri taż-żewġ kumitati li ħadmu fuq dan it-tieni sett ta’ deċiżjonijiet fl-ortografija tal-Malti.

11 ta’ Diċembru 2018