Seħer il-Malti

Paċi mal-imgħoddi

Ġieli tiltaqa’ ma’ xi ħadd li fl-imgħoddi tkun ġratlu xi ħaġa kbira, ħabib tal-qalb daħaq bih, jew għadda tfulitu maħqur u mċekken. U did-diżgrazzja jkun inqabad fiha u baqa’ taħtha. U, għalkemm ikun għadda ż-żmien u jkun miġjub u miżmum fuq l-idejn, jibqa’ dejjem jhewden, dejjem jissuspetta u jitbeżża’... jibża’ jagħmel pass, jibża’ li jarralu. U jiġrilu li qatt ma jgħaddi ’l quddiem, għax id-dgħajsa ma tistax issalpa u toħroġ mill-port qabel ma jaqtgħulha l-ankri li jxekkluha.

L-ilsien Malti wkoll għadda tfulitu mwarrab, ittraskurat u mċekken. Il-ħakkiema tagħna kienu jġibu l-lingwa tagħhom u biha jimlew l-oqsma ewlenin tal-ħajja; ilsienna kien jifdallu biss li jimla l-ispazju li jibqa’. U dam ħafna lsien mitkellem biss u fi ftit oqsma, u mhux ikkultivat anzi ġieli mistkerrah għall-faqar u “n-nisel baxx” tiegħu.

Illum li għadda ż-żmien u l-folja nqalbet, u l-Malti avvanza u sar mhux biss ilsien nazzjonali f’pajjiżu imma wkoll lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u qiegħed jinfirex u jissaħħaħ f’bosta oqsma ewlenin, huwa importanti li ma jiġrilniex bħalma ġralu l-ħabib tagħna li baqa’ kkundizzjonat mill-passat u ankrat miegħu. Kien x’kien is-saram li l-Malti ra ma’ wiċċu fl-imgħoddi, kienu liema kienu l-lingwi li darba jassruh, illum irid jifraħ li ġie spalla ma’ spalla magħhom u jrid jitgħallem jgħix fosthom b’rasu merfugħa. Għax jekk ma jitgħallimx jirrispetta lilu nnifsu, mhux se jeħles mill-jasar tal-imgħoddi.

U kif nistgħu nkunu ħielsa tassew u fil-paċi mal-imgħoddi tagħna?

Qabelxejn, billi nifhmu li l-istorja  tinbidel anke għalina, u li — kien x’kien fl-imgħoddi — il-Malti huwa dak li hu llum u li nagħmluh aħna f’li ġej. Min fadal fih xi rabja għall-imgħoddi jrid idawwarha f’enerġija pożittiva favur ilsienna. Is-sjuf se ndewbuhom ħa nagħmlu minnhom imħaret.

It-tieni, billi ma nistħux mill-imgħoddi tagħna. Il-mixja progressiva li rat ilsienna joħroġ miċ-ċokon tiegħu u jikber maż-żmien tagħmillu unur. Mhux għaqli min jistħi minn dar tfulitu u minn ommu fqira, flok jiżżihom ħajr li għenuh joħroġ minn faqru u jistagħna.

U anke billi ma nistħux min-nisel tagħna. Il-Malti, ngħidu aħna, huwa lsien mibni fuq pedament Għarbi, u dan fl-imgħoddi kien l-inkwiet u l-mistħija ta’ bosta. Fis-seklu mdawwal tagħna, nifirħu bih bħala fatt pożittiv, li jagħmlu lsien interessanti fin-nisġa mħallta tiegħu u l-unika lingwa Semitika fl-Ewropa tad-diversità.

Il-ħajja tagħtik iċ-ċansijiet tiegħek, imma tibqa’ miexja, ma tistenniex. Min joqgħod jitbekka l-imgħoddi tiegħu u jibki xortih ikun qed jinħeba fil-passat, forsi għax ikun jibża’ jiffaċċja l-isfidi tal-futur...

Se naqtgħu l-ankri tal-imgħoddi u trankwilli nsalpaw lejn il-Lvant, fejn ix-xemx kbira u sabiħa qed issejħilna...

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-kurżitajiet l-oħra