Seħer il-Malti

...U fiduċjużi fil-futur

Issa li qtajna l-ankri tal-imgħoddi u ssaffejna mill-biża’ ta’ tfulitna, nistgħu nsalpaw bis-sliema ’l barra mill-port, lejn xtut magħrufa u xtut mistura. Il-Malti bħalissa għandu r-riħ fil-qala’. Imma quddiemna l-iskollijiet ma jonqsux, u l-irjieħ tal-fortuna jistgħu jħawdulna triqatna għal għarrieda. Irridu naħfnu t-tmun u b’rieda soda nħarsu ’l quddiem, dejjem ’il quddiem, lejn il-mira tagħna.  Fiduċjużi fil-futur.

U kif nistgħu nkunu tassew fiduċjużi fil-ġejjieni ta’ lsienna? Liema huma l-ideali li għandna nżommu quddiemna, u liema tfixkil irridu naħarbu?

Qabelxejn, li ma nerġgħux naqgħu lsiera taċ-ċokon tagħna. Ma ninqdewx bih biex niskużaw fina u madwarna l-medjokrità, ma niżżerżqux ħelu ħelu lura fit-tħannina sħuna ta’ din il-benniena. Iċ-ċokon m’għadux skuża. Illum irridu nkunu kbar, u nikkompetu fl-Ewropa u fid-dinja. M’aħniex iddiżgrazzjati. U għal ilsienna rridu nagħmlu dak li sar u qed isir fl-aqwa pajjiżi tal-Ewropa. Irridu nitgħallmuh, inkomplu nitkellmuh u niktbuh, inkomplu narawh madwarna kullimkien, fit-tabelli, fil-gazzetti, fil-kotba. Nisimgħuh mitkellem fit-toroq u fix-xogħol, fil-parlament u fil-każin, fil-kċina u fl-Ewropa; irridu nistudjawh fl-ogħla livelli. Irridu nsiru kbar. Din hi l-isfida li għandna quddiemna, din hi s-sejħa tagħna, is-sejħa għall-maturità.

Irridu nkunu kreattivi. Il-Malti lsien qadim li tul is-sekli għaraf jieħu għamliet differenti u jirkeb dejjem il-mewġa taż-żmien, sa ma wasal għandna qawwi u sħiħ. Irridu niskopru fih il-ġmiel moħbi, niggustaw il-melodija ħelwa tiegħu, nemmnu fil-potenzjal tiegħu, fit-taħlita minn għejun differenti li tagħtih saħħtu. Irridu bla biża’ nagħġnuh bħat-tajn u nonfħu ruħna fih, ħa jieħu s-sura ta’ ħsiebna. Nirrenduh ilsien ħaj u modern, aġġornat, frisk u dejjem jinbidel.

U nemmnu fina nfusna. Ilsienna nħobbuh għalih innifsu, mhux bi nkejja ta’ xi ħadd, mhux f’kompetizzjoni mal-Ingliż jew ma’ xi lingwa oħra. Ilsienna għandu post għalih, l-eqreb lejn qalbna, u f’dan mhu qiegħed f’tellieqa ma’ ħadd... Imma bil-qalb jissieħeb ma’ ilsna oħra biex flimkien imexxuna ’l quddiem fil-ħajja mdawla tagħna.

Fuq kollox, irridu nagħmlu l-qalb, biex nagħrfu li kull skoll hu sfida, u kull sfida opportunità biex nikbru.

U niftakru li, għal min jemmen fih innifsu, xejn mhu impossibbli.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-kurżitajiet l-oħra