Seħer il-Malti

Qasba mar-riħ

Ma nkunux qegħdin niftaħru jew ngħaġġbuha meta ngħidu li ftit huma l-pajjiżi li għandhom storja mżewqa u mqallba daqs l-istorja ta’ dawn il-gżejjer. Minsubin f’nofs ta’ baħar traffikuż, baħar ta’ laqgħat u konfronti, ta’ negozju u gwerer, matul is-sekli missirijietna raw jaslu fi xtutna nies ta’ kull twemmin, ta’ kull ġens, ta’ kull ilsien. Ħakma wara l-oħra għaddiet bħal mewġa minn fuqna u, mat-tbatija tal-ħakma, ħallitilna wkoll il-melħ tal-kultura tagħha.

Hemm popli li xortihom kienet li jgħixu dejjem qalb il-muntanji jew fi gżira maqtugħa minn kulħadd, u baqgħu magħluqin fihom infushom. Drawwiethom ma nbidlux, twemminhom ma ġarrabx il-konfront. Ilsienhom ma tħallatx, ma nbidilx, ma żviluppax, ma ssaqqiex bl-ilma ħaj tal-ideat ġodda, ma adattax ruħu. U baqa’ mqerden. Fil-konfront mal-lingwi l-kbar u dinjija, bosta minn dawn l-ilsna ġa għebu minn wiċċ id-dinja, u oħrajn qegħdin biex. Agunija ta’ kulturi u ta’ dinjiet.

Il-Malti xortih kienet differenti. Djalett Semitiku mitluq għal riħu fuq gżira żgħira, maqtugħ mill-kenn ta’ dar missieru u mirkub minn lingwi barranin tant differenti minnu, tgħallem sa minn kmieni l-lezzjoni l-kbira tal-ħajja: li fil-mewġa tal-ħajja jekk ma tgħumx, tegħreq. Min ma jadattax ruħu, imut. Il-qasba li ma tixxejjirx man-nefħa tar-riħ, tinkiser.

Il-Malti, b’sisien Għarab qawwija - u għalhekk ilsien Semitiku - infetaħ għall-kultura Ewropea li ġie f’kuntatt magħha u ġarrab l-influwenza tal-lingwa ta’ kull poplu li żarna. Dan jidher ċar malli wieħed iħares lejn kitba bil-Malti modern, fejn isib tiżwiqa ta’ kliem ta’ nisel tant differenti, imma kollu minsuġ b’armonija fi lsien wieħed. Imma dan ġara wkoll fil-livelli iktar profondi tal-lingwa, ngħidu aħna fil-grammatika u s-sintassi, biex ma nsemmux ukoll il-ħsejjes tal-Malti li llum huma eqreb lejn dawk tal-ilsna Ewropej milli lejn l-Għarbi nnifsu.

Illum din il-lingwa żgħira għandha l-ħila tadatta ruħha għal sitwazzjonijiet ġodda, u anke tintegra bla tbatija kull element li teħtieġ u li ma tistax toħloq minn tagħha.

Din l-adattabilità li l-Malti kiseb mit-tiġrib ta’ sekli twal ta’ kuntatt hija waħda mill-aqwa kwalitajiet ta’ lsienna. Hija wkoll il-garanzija li lsienna ma jiġrilux bħal tant ilsna li baqgħu magħluqin fihom infushom u nixfu. Jekk il-Malti huwa lsien ħaj, progressiv, miktub ta’ kuljum, imħaddem fix-xandir, b’letteratura tiegħu, u lsien nazzjonali tal-Maltin, dan jafu lill-ħila li jadatta ruħu. Ħila li anke llum qed tgħinu jilqa’ sfida ġdida, dik li jarma ruħu daqs il-lingwi l-kbar tal-Ewropa.

Sakemm il-Malti jibqa’ miftuħ għal esperjenzi ġodda u jadatta ruħu, jibqa’ ħaj u jibqa’ jikber. Bħall-qasba li, għax tixxejjer mal-irjieħ, qatt ma tinkiser.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-kurżitajiet l-oħra