GDS / GZZ
Jidher li l-istorja ta' dawn l-għeruq kienet hekk. L-għerq oriġinarjament kien GDS... mela:
-
gods, kif aktarx jagħtuha d-dizzjunarji l-qodma.
-
geddes, it-tieni forma, u magħha tgeddes, tgeddis, eċċ.
Imbagħad ġara (kif spiss jiġri) li l-fonetika rebħet fuq l-etimoloġija. Billi n-nies kienu jisimgħu ħafna kliem bħal gods, geddsu, tgeddsu, eċċ. li fih joħroġ il-ħoss ta' zz minn ds, bdew jinterpretaw dan l-għerq bħala GZZ. Dan sar fuq il-mudell komuni ta' razza/razez, pinna/pinen, sodda/sodod). U allura żviluppaw il-forom ġodda:
-
gozz (minflok gods), bil-plural miksur gzuz.
-
gezzez (minflok geddes), u magħha tgezzez, tgezziz, eċċ.
Kif naraw, fil-plural saħansitra rebaħ għalkollox l-għerq il-ġdid, la ngħidu gzuz u mhux *gdus.
B'hekk nistgħu ngħidu li żviluppa għerq ġdid minn wieħed qadim. Imma l-forom il-qodma mhux bilfors mietu. Ngħidu aħna, hemm min trabba jgħid geddes, jitgeddes u gozz/gzuz, imma mbagħad gezzez, jitgezzez ikun tgħallimha 'l barra mid-dar. Issib ukoll min "igezzez" it-trab f'gozz imma mbagħad fix-xitwa "jitgeddes" taħt il-kutra!
Hemm għeruq oħra li għaddew minn dan it-tip ta' taqlib jew riinterpretazzjoni (jew metanaliżi, kif tissejjaħ teknikament), fosthom l-għerq FTX "to search for" li nbidel ħafna, avolja aktarx ma nindunawx...
Imma dawk inħalluhom għal darb'oħra.
Prof. Manwel Mifsud
|